Id-Domvs Romana: Mistura għal sekli sħaħ, misjuba b’kumbinazzjoni

Ir-Rabat, Malta, Frar tal-1881. Fil-wesgħa siekta li llum nafuha bħala Ġnien Howard jinstema’ biss il-ħoss ta’ mgħażqa togħdos ħelu ħelu għal darba, tnejn tlieta, fil-ħamrija ratba biex jitħawlu siġar ġodda. F’daqqa waħda l-ħoss jinbidel. L-imgħażqa sabet l-iebes! Il-ħaddiema jitilqu minn idejhom bla dewmien u jgħarrfu lil ta’ fuqhom b’dak li ġara, mingħajr l-iċken ħjiel tal-kobor tas-sejba li għamlu. Id-Domvs Romana, midfuna fid-dlam għal sekli sħaħ bit-teżori u s-sigrieti kollha tagħha, dalwaqt terġa’ tara d-dawl tax-xemx…

Pjanta li turi l-fdalijiet mikxufa minn Caruana fl-1881

Kważi seklu u nofs wara, ninsab hawn, f’did-dar maestuża ta’ żmien Ruma tal-qedem, nistagħġeb għal darb’oħra bil-ġmiel tal-mużajk li jżejjen il-bitħa interna tagħha u nisma’ lil David Cardona – Kuratur Anzjan għas-Siti Feniċi, Rumani u Medjevali fi ħdan Heritage Malta – jiddeskrivili kif l-aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali qed tfakkar il-140 anniversarju mis-sejba tad-Domvs Romana. Biex inkunu aktar preċiżi, id-Domvs qed tiċċelebra tliet anniversarji, u mhux wieħed. Dan għaliex l-2020 immarkat il-mitt sena minn meta Sir Temi Zammit beda l-iskavi tiegħu fis-sit, l-2021 tfakkar il-140 sena minn meta d-dar Rumana ġiet skoperta, u fl-2022 id-Domvs tagħlaq 140 sena minn meta nfetħet għall-pubbliku bħala mużew.

Tpinġija rikostruttiva mill-Perit Galizia li turi l-kolonni madwar il-bitħa interna tad-Domvs

Kif irrakkontali David, wara dak li seħħ waqt it-tħawwil tas-siġar fi Ġnien Howard, Antonio Annetto Caruana, il-librar tal-Biblijoteka u l-kuratur tal-kollezzjoni arkeoloġika ta’ ġo fiha, tqabbad minnufih biex jinvestiga. Ħafna miż-żoni tad-dar Rumana nkixfu waqt l-intervent ta’ Caruana, u sussegwentement ġie deċiż li jinbena mużew biex jipproteġi l-mużajk misjub filwaqt li jilqa’ fih l-antikitajiet Rumani ta’ pajjiżna.

Din l-inċiżjoni li turi l-iskavi ta’ Caruana dehret fil-faċċata ta’ quddiem tal-gazzetta Ingliża ‘The Graphic’ fil-25 ta’ Ġunju 1881

B’xorti ħażina, medda ta’ art fit-Tramuntana tas-sit inqerdet fl-1899 meta s-servizzi Ingliżi ħaffru t-triq għall-istazzjon tal-ferrovija biswit il-mużew. Ma nżammet l-ebda dokumentazzjoni waqt dawn ix-xogħlijiet, u aktarx parti kbira mid-dar kif ukoll strutturi oħra tal-madwar intilfu għal dejjem.

Bejn l-1920 u l-1925, Sir Temi Zammit għamel aktar stħarriġ u skavi f’dan is-sit, bl-għajnuna ta’ Robert V. Galea, Harris Dunscombe Colt u Louis Upton Way. Ix-xogħol sar fuq kull naħa tas-sit u bis-saħħa tiegħu nkixfu numru mdaqqas ta’ oqbra Iżlamiċi fuq il-fdalijiet ta’ djar żgħar oħra Rumani.

L-entratura prinċipali għad-Domvs Romana, llum-il ġurnata.

Dak li naraw illum meta nżuru d-Domvs Romana huwa differenti ħafna minn kif din id-dar lussuża kienet tidher fl-aqwa tagħha, bejn wieħed u ieħor mit-tieni nofs tal-ewwel seklu qabel Kristu sal-ewwel nofs tal-ewwel seklu wara Kristu. Aktarx li tul iż-żjara tagħna nkunu qed nirfsu biss fuq kwart tal-ispazju kollu li d-dar kienet tokkupa oriġinarjament, jiġifieri d-daħla, il-bitħa interna u t-triclinium, jew il-kamra tal-ikel.

Il-bitħa interna magħrufa bħala l-Peristyle

Dak li l-istudjużi tal-istorja jistgħu jobsru bla ma jitbiegħdu mill-verità huwa li din ma kinitx xi dwejra fejn tgħammar familja fqira. Għall-kuntrarju, fid-Domvs kien jgħix xi ħadd għani biżżejjed biex ikun fil-klassi soċjali ta’ fuq nett – xi ħadd b’rabtiet sodi mal-mexxejja f’Ruma, kif jixhdu żewġ statwi skolpiti fi rħam fin li juru membri tal-familja tal-Imperatur Klawdju nnifsu.

Is-sejba ta’ statwi imperjali fini f’dar privata ta’ żmien ir-Rumani hija okkorrenza rari ħafna. Dan jista’ jimplika li sid id-Domvs kien persuna pubblika importanti, forsi saħansitra l-gvernatur ta’ dawn il-gżejjer.  Kien min kien, żgur li huwa daħal għal spejjeż kbar biex juri l-lealtà u l-qima tiegħu lejn id-dinastija imperjali li kellha l-poter fi żmienu.

Il-kelma “huwa” għandha importanza kbira meta niddiskutu l-ħajja ta’ kuljum f’dar tipika Rumana tal-qedem. Il-missier (pater familias) kien il-kap ta’ kollox, b’poter assolut fuq id-dar, l-artijiet u kull min jgħix f’daru. Hu biss kellu l-awtorità li jikkastiga, joqtol, jabbanduna jew ibigħ bħala skjav lil kwalunkwe membru tal-familja tiegħu bla ma jagħti spjegazzjoni għal għemilu. Id-dmirijiet ta’ kuljum tal-pater familias kienu jvarjaw skont il-professjoni u l-istatus tiegħu fis-soċjetà. Raġel aristokratiku filgħodu kien normalment jilqa’ n-nies li jżuruh biex isellmulu jew biex jinnegozjaw. Waranofsinhar ħafna drabi kien iddedikat għall-mistrieħ (otium), xi żjara fil-banjijiet pubbliċi u l-festeġġjamenti li r-Rumani kienu magħrufin għalihom.

Il-mara (matrona) ftit li xejn kellha drittijiet u kienet dejjem tiddependi fuq ir-raġel u wliedha subien. Madankollu, in-nisa kellhom rwol importanti għax kienu jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal, li kienet issir mid-dar stess, u jorganizzaw ix-xogħol domestiku tal-iskjavi.

Ċekċieka tat-trabi, magħmula mill-għadam, esebita fid-Domvs Romana

L-oġġetti esebiti fid-Domvs Romana jirnexxilhom jixegħlulek l-immaġinazzjoni biex tistħajjel kif setgħet kienet il-ħajja f’din id-dar. Diversi għodod tal-kċina, ngħidu aħna, jitfgħuk dritt f’dik li kienet tissejjaħ culina, fejn kien jitħejja l-ikel mill-iskjavi. L-ikel kien jissajjar f’borom tal-fuħħar imqiegħda fuq fuklari jew fi fran tal-briks, u jinżamm f’reċipjenti taċ-ċaqquf, bħal anfori u dolia, issiġillati b’għotjien, li xi drabi kont issibhom parzjalment midfunin taħt l-art. Il-platti kienu jvarjaw fil-kwalità skont is-sid u t-tip tal-ikla. In-nies komuni kienu jużaw platti sempliċi taċ-ċaqquf li kultant kienu jkunu mżejnin, iżda l-ikliet tal-aristokratiċi kienu jisservew fi platti fini.

L-inbid u x-xorb kellhom sehem importanti, kemm matul l-ikla kif ukoll warajha. Ir-Rumani kienu magħrufa għal lejliet twal ta’ xorb b’divertiment kontinwu. Dan ġieli kien jinkludi kompetizzjonijiet fejn dak li jkun jixrob minn speċi ta’ lembut tal-ħġieġ imsejjaħ rython, li bħalu hemm esebit fid-Domvs.

Ir-rython

Esebiti oħra, bħal fliexken ta’ għamliet differenti fejn kienu jinħażnu l-fwejjaħ, iż-żjut u l-irtokk, kif ukoll moxtijiet, ġojjellerija u furfiċetti magħmulin mill-għadam, ilkoll jagħtu indikazzjoni ċara li r-Rumani tal-qedem kienu jieħdu ħsieb id-dehra tagħhom daqsna, jekk mhux aktar minna. Mhux in-nisa biss kienu jieħdu l-ħin biex ilestu – l-irġiel ukoll kienu jieħdu ħsieb il-ġilda tagħhom billi jidilkuha b’ingwent li mbagħad kienu jneħħuh b’oġġett tawwali u għat-tond magħruf bħala strigil. Fejn jidħlu ġojjelli Rumani, dawn ma nstabux wisq minnhom f’Malta iżda l-biċċiet esebiti fid-Domvs jixhdu sengħa u rikkezza kbira.

Għadd ta’ ċombini tal-għadam u piżijiet tal-ġebel li kienu jintużaw fin-newl jitfgħu dawl fuq l-industrija tal-insiġ fi żmien ir-Rumani, li kellha rwol ewlieni fl-ekonomija. Dawn l-esebiti jġiegħlu lil moħħna jimraħ fuq kif aktarx kienu l-ħwejjeġ milbusa mill-abitanti tad-Domvs. L-aktar ilbies komuni tal-irġiel fil-perjodu Ruman kien jikkonsisti f’tunika sempliċi u sandli tal-ġilda. Madankollu, ħafna ċittadini Rumani kienu jħobbu jilbsu wkoll toga bajda li, jekk ir-raġel ikun imlaħħaq, kienet tiżżejjen b’faxx vjola. In-nisa kienu jilbsu stola kkulurita fuq it-tunika, kif ukoll palla li kienet xalla kbira milbusa b’modi differenti. Fix-xhur tal-kesħa, imbagħad, kienu jippreferu jilbsu mantell.

Maskri teatrali esebiti fid-Domvs Romana

Iżda din hi biss farka mill-minjiera ta’ tagħrif li hemm jistenniek f’dik il-meravilja msejħa Domvs Romana. Il-fatt biss li nistgħu nmiddu riġlejna fiha meta għandha mal-elfejn sena huwa minnu nnifsu xi ħaġa tal-għaġeb, u raġuni oħra biex Heritage Malta tfakkar kif imiss il-mument maġiku meta nstabet din id-dar.

Miktub minn Daniela Attard Bezzina, Torċa, il-Ħadd 14 ta’ Frar

0
X