Armati sa snienhom…bil-pniezel u l-kuluri

“For some must watch, while others sleep, so runs the world away.” Xi ħadd, xi darba, kiteb dan il-vers – meħud (mhux kelma b’kelma) minn Hamlet ta’ William Shakespeare – taħt pittura mdaqqsa li għamel fuq wieħed mill-ħitan tal-Main Guard, fil-Belt Valletta. Aktarx li qatt ma se nkunu nafu min kien, iżda żgur li b’dak il-vers ġabar il-qofol tal-funzjoni għassiesa ta’ din il-binja li għandha elf storja x’tirrakkonta permezz tal-pitturi li hu u sħabu ħallew warajhom fuq dawk il-ħitan.

Il-binja tal-Main Guard, li llum tinsab taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta flimkien mal-Palazz tal-Gran Mastru faċċata tagħha f’Misraħ San Ġorġ, aktarx li nbniet lejn il-bidu tas-seklu sbatax mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt biex isservi bħala l-kwartieri tal-għassiesa tal-Palazz. Għal aktar minn 350 sena, sal-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, il-binja baqgħet taqdi l-istess funzjoni, tant li l-ħakkiema Ingliżi tawha l-isem ta’ Main Guard li bih għadna nafuha llum. Taħt il-ħakma Ingliża, madankollu, il-faċċata tal-binja ma baqgħetx kif ħallewha l-Kavallieri għax l-Ingliżi bnewlha portiku bil-kolonni fuq stil neoklassiku akkademiku, kif għadna naraw sal-lum.

Kien ukoll fi żmien l-Ingliżi li tpittru l-mijiet ta’ kwadretti li lilhom hi ddedikata din il-kitba. Fil-parti l-kbira tagħhom, dawn il-kwadretti jinsabu f’dik li kienet l-Officers’ Mess, jiġifieri s-sala fejn is-suldati Ingliżi li xogħolhom kien li jgħassu l-Palazz kienu jieklu u jistrieħu waqt li jistennew il-ħin isir għax-xift li jmiss. Wieħed mill-modi kif is-suldati kienu jqattgħu l-ħin kien billi jpittru xenetti fuq il-ħitan.

Kif spjegali Anthony Spagnol, Konservatur Anzjan ma’ Heritage Malta, hemm aktar minn 300 minn dawn il-pitturi – uħud minnhom saħansitra skoperti dan l-aħħar, waqt li għaddej ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr fuqhom. U żgur li hemm oħrajn li huma moħbijin għal raġunijiet varji msemmija aktar ’l isfel.

Mhux il-pitturi kollha huma datati, l-istess kif mhux kollha huma ffirmati, imma l-eqdem data li tidher hija dik tal-1814. Ħdejn ħafna mill-pitturi hemm numru, li jindika li kien hemm żmien meta l-pitturi kienu jiġu katalogati. Madankollu bejn numru u ieħor spiss hemm diversi numri neqsin, u l-katalgu nnifsu qatt ma nstab. Numru ta’ kwadretti jidher li saru mill-istess id – jew għaliex huma ffirmati jew għax għandhom karatteristiċi simili għal xulxin. Li hu żgur hu li biex saru l-pitturi ntużaw mezzi differenti – minn lapes għal linka għal akkwarelli, gouache u żejt.

Iżda x’juru dawn il-kwadretti, nistħajjilkom tistaqsu? Dawra mas-sala turina varjetà wiesgħa ta’ xogħlijiet li kull wieħed minnhom jesprimi emozzjoni, tifkira jew saħansitra l-karattru ta’ min pittru. Niltaqgħu fost oħrajn ma’ nisa bl-għonnella u oħrajn bi lbies u pożi aktar senswali u seduċenti; qassisin u isqfijiet; suldati f’parati jew waqt xi ġlieda; xeni mpittrin b’ton sarkastiku li jxaqilbu lejn karikaturi; badges u uniformijiet militari; xena kbira tax-Xmara Nil datata 1884-5; wiċċ ta’ xitan jitbissmilna b’ħarsa mqarba; u fuq iċ-ċumnija tal-fuklar allegorija taż-żmien, fejn naraw xwejjaħ b’minġel li l-ponta tiegħu kienet twassal sa ħdejn arloġġ – mhux impitter imma reali, li maż-żmien tneħħa – u l-kwotazzjoni minn Shakespeare msemmija aktar ’il fuq.

Dan l-aspett ta’ taħlit bejn oġġetti reali u oġġetti mpittrin jirrepeti ruħu drabi oħra f’din is-sala. Hekk naraw, ngħidu aħna, pittura ta’ azzarin militari mdendel minn mal-fuklar, pittura ta’ kowt imdendel ma’ grampun reali, u pittura ta’ żewġ bnadar kbar b’arbli mdaħħlin f’ħoloq reali, kif imsemmi iktar ’l isfel.

F’żewġt ikmamar żgħar li jmissu mal-Officers’ Mess hemm impittrin skeletri ta’ bnedmin, fosthom wieħed liebes iċ-ċoqqa ta’ patri u ieħor mimdud fuq wara ta’ armarju li jekk ma tkunx taf bih jaf jagħtik togħma li tibqa’ tiftakarha! It-tema ta’ mewt u skeletri tkun diġà ħadt dewqa tagħha qabel tgħaddi mill-Officers’ Mess għal dawn iż-żewġt ikmamar, għax impittrin ħdejn il-bieb hemm żewġ skeletri oħra, wieħed fuq kull naħa. Ir-raġuni għala tpittru dawn l-iskeletri kollha għadha mhix magħrufa.

Pittura oħra, li tirrakkonta ġrajja li għad trid tiġi mikxufa f’iżjed dettall, tinsab fl-indana tat-taraġ dejjaq li minnu s-suldati kienu jinżlu biex mill-Officers’ Mess isibu ruħhom direttament f’Misraħ San Ġorġ. Din ix-xena turi inċident, li seħħ tassew, fejn suldat kien nieżel it-taraġ mgħaġġel, tgerbeb, u spiċċa korrut gravi jew mejjet.

Bażikament, kif spjegali s-Sur Spagnol, il-pitturi jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji ewlenin: ix-xeni li juru r-rabta mal-ħajja militari; dawk li juru l-ħajja ta’ kuljum kif kienu jesperjenzawha s-suldati; u dawk li sempliċiment jesprimu l-gost tat-tpinġija. Dawn tal-aħħar huma xeni li min pittirhom ikkopjahom minn stampi u litografiji. Bis-saħħa ta’ riċerka li għaddejja bħalissa fuq il-pitturi tal-Main Guard, grazzi għall-għajnuna ta’ esperti fis-suġġett, qed isir magħruf ukoll liema kienu l-istampi u l-litografiji oriġinali li minn fuqhom saru l-kopji fuq il-ħitan. Pubblikazzjonijiet minn fejn setgħu ġew ikkopjati l-istampi jinkludu fost oħrajn The Graphic u The Illustrated London News.

L-aħħar pitturi li saru jmorru lura għall-1972, meta Adrian Strickland pinġa żewġ bnadar kbar b’tifkira ta’ tnejn oħra li kienu mwaħħlin mal-ħajt tassew, tant li fil-post għad hemm il-ħoloq li fihom kienu jidħlu l-arbli tagħhom. Strickland irrispetta l-kwadretti li kien hemm diġà fuq il-ħajt, billi pitter il-bnadar b’tali mod li jidhru għaddejjin minn taħt il-kwadretti.

S’issa jidher li l-valur tal-pitturi tal-Main Guard huwa aktar storiku milli artistiku. Kif qal is-Sur Spagnol, sal-lum ma hemm l-ebda indikazzjoni li f’dawn il-pitturi kienu involuti xi artisti prominenti. Madankollu kull min ħalla l-marka tiegħu fuq il-ħitan jidher li kellu ċertu potenzjal u inklinazzjoni lejn id-disinn u l-pittura.

Ma rridux ninsew lanqas li huwa aħna, illum, li qed inħarsu lejn dawn il-pitturi minn lat storiku. Dawk li pittruhom ma ħarsux lejhom bl-istess mod, tant li mhux l-ewwel darba li għattew pitturi eqdem biex fuq dawk l-istess spazji jagħmlu l-pitturi ġodda tagħhom u b’hekk jiddokumentaw il-preżenza tagħhom. L-etika tal-konservazzjoni f’dan il-każ titlob li sakemm ma tistax issalva wkoll dak li hemm fuq is-saff ta’ barra, ma tippruvax tikxef dak li hemm mistur fis-saffi ta’ taħt. Dan ifisser li l-pitturi kollha huma trattati bl-istess importanza u waħda ma tiġix salvata a skapitu ta’ oħra.

Ix-xogħol li qed isir fuq il-pitturi tal-Main Guard jikkonsisti f’konservazzjoni kif ukoll restawr. Filwaqt li l-konservazzjoni qed tieħu ħsieb il-waqfien tad-deterjorazzjoni bi proċessi li jvarjaw skont il-medium użat biex saret kull pittura, ir-restawr jikkonċentra fuq il-mod kif il-pitturi se jiġu ppreżentati lill-pubbliku, b’attenzjoni kbira biex ma ssirx riinterpretazzjoni tas-suġġett. Fi kliem ieħor, dan ifisser li jekk, ngħidu aħna, hemm parti minn pittura nieqsa, ir-restawratur ma jaqbadx u jpitter il-parti n-nieqsa, lanqas jekk kultant ikollu dokumentazzjoni li turih kif kienet il-pittura oriġinali. Minflok, li jsir huwa dak li jissejjaħ “integrazzjoni newtrali”, biex ikun hemm indikazzjoni ċara tad-differenza bejn dak li għamel l-artist oriġinali u dak li sar fl-intervent tar-restawratur.

Meta jkollok l-opportunità li tara mill-qrib lir-restawraturi jaħdmu fuq dawn il-kwadretti, tapprezza aktar ir-reqqa li biha qed jaħdmu, gwidati minn studji xjentifiċi u storiċi profondi li saru fuq kull wieħed minn dawn ix-xogħlijiet. Fost aspetti oħra, tiġi studjata t-teknika ta’ kif saret il-pittura, issir investigazzjoni xjentifika bi dwal apposta li juru interventi preċedenti ta’ restawr, u jiġi dokumentat kull pass li jsir. Kif spjega s-Sur Spagnol, kull intervent ivarja minn pittura għal oħra biex isir l-aħjar wieħed possibbli għal kull pittura partikolari. Assolutament mhux il-każ li dak li jgħodd għal waħda jgħodd għal oħra wkoll.

Ta’ min jgħid ukoll li ċerti interventi li saru f’restawr preċedenti ma jistgħux jitneħħew, għax hemm il-possibbiltà li ssir aktar ħsara lill-pitturi. L-aħħar interventi ta’ restawr li saru aktarx li kienu dawk ta’ Emvin Cremona fis-snin 1944-45, kif tixhed plakka ċkejkna tal-injam imwaħħla fuq ħajt fl-Officers’ Mess.

Il-ħsieb aħħari ta’ Heritage Malta hu li x-xogħol fil-binja tal-Main Guard ikompli għaddej id f’id mal-proġett estensiv li qed isir fil-Palazz tal-Gran Mastru. Meta x-xogħlijiet jitlestew, il-Palazz ikun jista’ jitgawda fl-isplendur kollu tiegħu filwaqt li l-binja tal-Main Guard tibda sservi bħala ċentru ta’ interpretazzjoni għas-siti kollha ta’ Heritage Malta fil-belt kapitali.

 

Artiklu miktub minn Daniela Attard Bezzina f’Dossier – Diċembru

 

0
X