‘Conserving Art’ – Imnedija pubblikazzjoni dwar proġetti ta’ restawr imwettqa bl-għajnuna tal-Fond għal Kawżi Soċjali

03/11/2021

Il-Fond għal Kawżi Soċjali nieda l-pubblikazzjoni ‘Conserving Art: a selection of good causes’. Din hi l-ewwel pubblikazzjoni dwar proġetti ta’ restawr li bbenefikaw minn dan il-fond.

Il-ktieb, li nħareġ b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, jiffoka fuq 25 proġett ta’ arti sagra li ġew restawrati minn 13-il parroċċa fl-aħħar snin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fir-rwol tiegħu ta’ Chairperson tal-Fond għal Kawżi Soċjali, ħabbar li mill-2014 ’l hawn tqassmu kważi €7.5 miljun. Semma kif filwaqt li l-maġġoranza tal-fondi jitqassmu għal kawżi soċjali u filantropiċi, madwar €2.5 miljun ġew allokati għal proġetti ta’ restawr. Dan f’kuntest li qabel l-2014, l-Awditur Ġenerali kien sab li s-Social Causes Fund kien qed jopera b’deficit sostanzjali li kien ilaħħaq €2.5 miljun.

Is-Sur Cutajar sostna li din il-pubblikazzjoni hi xhieda tal-kontabbiltà fit-tmexxija tas-Social Causes Fund, u li se twitti t-triq għall-pubblikazzjonijiet oħra simili li jispjegaw fid-dettall proġetti mwettqa bl-għajnuna ta’ dan il-fond. Waqt il-konferenza, is-Sur Cutajar għaddha wkoll kopja tal-kontijiet awditjati tal-fond lill-Ministru għall-Finanzi bħala turija oħra ta’ kontabbiltà mħaddma fil-prattika.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, faħħar dawn l-inizjattivi għaliex b’hekk jingħata rendikont lill-poplu ta’ kif qed jiġu mmaniġġati dawn il-flus għall-ewwel darba. Il-Ministru Caruana qal li fiż-żmien qrib, il-kontijiet awditjati ppreżentati llum se jittressqu l-Parlament għall-iskrutinju Parlamentari.

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri spjega kif kull sena l-Awtorità Maltija għal-Logħob tgħaddi lill-Fond għal Kawżi Soċjali l-premji kollha li jintrebħu minn logħob tal-Maltco u li ma jiġux miġbura mir-rebbieħa. Dan flimkien ma’ 8% tat-taxxi mħallsa mill-Maltco lill-MGA. Għas-sena d-dieħla jidher li l-prospetti ser jibqgħu sbieħ.

Waqt il-konferenza tkellem ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, li qal li Heritage Malta għandha patrimonju kbir ħafna x’tippreserva u għalhekk hija ħaġa tajba ferm li l-fond soċjali kkontribwixxa sostanzjalment matul is-snin, sabiex isir xogħol ta’ restawr f’numru konsiderevoli ta’ arti sagra. Qal li Heritage Malta tikkunsidra li l-patrimonju ekkleżjastiku u reliġjuż jifforma parti mill-patrimonju nazzjonali u għalhekk għandha obbligu morali li tippreservah.

Dan il-ktieb se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb.

 

0
X