Masterpieces at MUŻA: Tlettax-il pittura, għexieren ta’ simboli, esperjenza unika

Hemm waqtiet fil-ħajja, imqar jekk itulu biss ftit sekondi, li jiġu fuqek bla ma tkun ippjanajthom iżda li tibqa’ tiftakarhom għal dejjem. Bħalma jien se nibqa’ niftakar il-mument meta waħda mill-kuraturi ta’ MUŻA ġibdet pannella kbira u żerżqitha sa quddiemi biex tintroduċini ma’ tlieta minn tlettax-il kapolavur artistiku li dak iż-żmien kienu għadhom qed jistennew biex jinħarġu għall-wiri. Hemmhekk, fis-skiet ta’ dik is-sala miksur biss mit-twerdin tat-tagħmir li jiżgura temperatura stabbli għal dawn il-meravilji, għajnejja straħu għall-ewwel darba fuq San Ġwann Battista jħares lejja bi tbissima enigmatika, il-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha jittawluli minn gwarniċ tond daqslikieku kienu tad-demm u l-laħam, u ġemgħa nies imwerwrin fuq blata jħarsu lejn bastiment jitbenġel mill-mewġ f’nofs maltempata. Jekk qatt kien hemm mument maġiku fejn smajt l-arti tkellem lil qalbi, kien dan.

Din l-esperjenza jista’ jgħaddi minnha kull min iżur il-wirja ‘Masterpieces at MUŻA’, fejn sa tmiem Ottubru li ġej it-tlettax-il kapolavur se jkunu esebiti flimkien fis-sala magħrufa bħala Camerone fis-sular t’isfel tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt. Wara, il-pitturi – li ġejjin minn kollezzjoni privata – se jibqgħu mislufin lil MUŻA għall-ħames snin li ġejjin u possibbilment għall-ħames snin ta’ wara wkoll.

Il-pitturi fil-wirja jmorru lura għal bejn tmiem is-seklu 15 u nofs is-seklu 18 u jixhdu l-influwenza ta’ artisti kbar bħal Raffaello, Michelangelo, Rubens u Leonardo da Vinci. Jinkludu wkoll xogħlijiet ta’ Giovanni Baglione, Claude-Joseph Vernet u François Boucher. Huma mqassmin f’sezzjonijiet skont it-temi rispettivi tagħhom, jiġifieri Quddiem ir-Ritratti (portraits), L-Omm u t-Tarbija, Passjoni u Devozzjoni, Il-Mitoloġija Griega fl-Arti, u In-Natura Qerrieda.

Għalkemm l-ismijiet tal-artisti involuti f’dawn il-pitturi minnhom infushom iqanqlu interess immedjat, l-istejjer misturin taħt id-daqqiet tal-pinzell ukoll huma ta’ min jismagħhom. Stejjer marbutin mas-simboliżmu aktar minn kull ħaġa oħra, iżda mhux biss.

Jekk nieħdu, ngħidu aħna, “Ritratt ta’ Tfajla Żagħżugħa”, pittura attribwita lil Giovanni Bellini u ċ-ċirku tiegħu, niskopru li minn studji xjentifiċi li saru fuq dan il-kwadru nstab li fuq in-naħa ta’ wara tal-pittura hemm tpinġija ta’ tfajjel. Dan jindika li din il-biċċa xogħol aktarx li fil-bidu kienet maħsuba li tkun ritratt doppju. Fatt ieħor interessanti dwar ir-ritratt tat-tfajla hu li jidher li din hi rappreżentazzjoni idealizzata, jiġifieri l-artist ipprova jtejjeb fuq dak li kien qed jara quddiemu. Fil-fatt, bosta storiċi tal-arti jaraw f’din il-pittura rappreżentazzjoni allegorika tal-kastità kif simbolizzata mill-kuruna ta’ perli li t-tfajla liebsa madwar rasha.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li fiż-żmien meta tpittru ħafna minn dawn ix-xogħlijiet, bosta nies ma kinux jafu jaqraw u jiktbu u għalhekk l-artisti spiss kienu jinkludu fil-pitturi tagħhom fjuri, għasafar, annimali u ħlejjaq jew oġġetti oħra biex permezz tagħhom jalludu għal ġrajjiet lil hinn mill-pitturi nfushom.

It-tondo “Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann Battista Żgħir u Anġlu f’Pajsaġġ”, li jista’ jkun il-frott ta’ kollaborazzjoni bejn Maestro Tommaso u Lorenzo di Credi, huwa miżgħud b’simboliżmu bħal dan. It-tapit ta’ fjuri taħt riġlejn il-Madonna, kif ukoll il-mazz fjuri f’idejn l-anġlu, huma referenzi għall-verġinità, il-virtù u l-imħabba materna tagħha. L-orkidea li l-Bambin qed iżomm f’idu l-leminija hija referenza sottili għall-mewt u s-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib aktar ’il quddiem f’ħajtu. Is-salib twil tal-qasab miżmum minn San Ġwann Battista wkoll jissimbolizza l-kruċifissjoni ta’ Kristu.

Simboliżmu simili nsibuh f’pittura oħra esebita fejn għal darba oħra jidhru dawn it-tliet personaġġi tant importanti għal kull min iħaddan il-fidi Nisranija. Din hija “Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann Battista Żgħir”, attribwita lil Leonardo da Vinci u ċ-ċirku tiegħu. Ħlew ta’ pittura fejn il-Madonna, b’ħarsa ta’ mħabba liema bħalha fuq wiċċha, tidher tindokra liż-żewġt itfal b’idha fuq ras kull wieħed minnhom, filwaqt li huma jidhru medhijin fil-logħob ħdejn riġlejha, mingħajr l-iċken ħsieb tat-tbatija li għad iridu jgħaddu minnha.

Il-lewn blu skur tal-mantell li liebsa l-Madonna fuq libsa ħamra huwa simbolu tal-purità u l-istat irjali tagħha bħala r-Reġina tas-Sema, filwaqt li l-aħmar ifakkarna fil-maternità u l-imħabba tagħha kif ukoll fid-demm u l-passjoni ta’ Kristu. Il-gardell f’id il-Bambin, u l-ħaruf mgħannaq mill-Battista, huma t-tnejn simboli tat-tbatija futura ta’ Kristu. Il-gardell, li l-Bambin qed juri lil kuġinuh, skont il-leġġenda għandu rabta qawwija mal-passjoni ta’ Kristu għax spiċċa mtebba’ bid-demm meta ġibed xewka minn ras Ġesù biex jipprova jtaffilu t-tbatija fi triqtu lejn il-kalvarju. Il-ħaruf, min-naħa l-oħra, ifakkar fl-innoċenza u s-safa tal-Bambin kif ukoll fir-rwol ta’ Kristu bħala l-ħaruf t’Alla u s-sagrifiċċju aħħari tiegħu bi tpattija għad-dnubiet tal-bnedmin.

Simbolu ieħor tal-passjoni ta’ Kristu f’din il-pittura, li forsi wieħed bilkemm jintebaħ bih, huwa l-fjura waħdanija tal-peprin li titla’ minn fost il-weraq folt wara dahar San Ġwann Battista.

Dan il-qaddis huwa protagonist ewlieni fil-wirja ‘Masterpieces at MUŻA’, tant li fi tnejn mill-pitturi l-attenzjoni kollha hija ffokata fuq il-figura tiegħu biss – waħda ffirmata minn Giovanni Baglione, fejn jidher fl-adolexxenza tiegħu, u l-oħra attribwita liċ-ċirku ta’ Leonardo da Vinci, fejn naraw lil San Ġwann bħala żagħżugħ fl-aqwa tiegħu, b’ħarsa nibbiexa f’għajnejh u tbissima misterjuża fuq fommu. F’tal-ewwel nilmħu simboli ta’ kif żvolġiet ħajjet il-qaddis aktar ’il quddiem: il-ġilda tal-annimali li tfakkar il-perjodu li qatta’ fid-deżert, l-iskutella li biha aktar tard għammed lil Kristu, u s-salib b’messaġġ li jistieden lil min iħares lejn il-pittura għall-penitenza u t-talb. Fil-pittura l-oħra, hu u jmejjel rasu b’ċerta grazzja, San Ġwann Battista jidher jipponta ’l fuq is-saba’ l-werrej ta’ idu l-leminija biex jindika b’mod simboliku l-eżistenza tal-ġenna. Is-salib li qed iżomm fl-id l-oħra jirreferi simbolikament għall-kruċifissjoni ta’ Kristu għas-salvazzjoni tal-bnedmin, li l-Battista kien bassar.

Dawk li tinteressahom il-mitoloġija Griega wkoll għandhom fejn ipaxxu għajnejhom, biż-żewġ pitturi ta’ daqs kbir “Leda u ċ-Ċinju” u “Pan u Syrinx”. Warajhom it-tnejn hemm rakkonti li ntirtu mill-ġenerazzjonijiet u li ħjiel tagħhom, jekk tħares sewwa, għandek issibu fi wħud mill-elementi li jikkomponu ż-żewġ kapolavuri.

Iżda toqgħodx fuq kliemi biss! Fil-Camerone ta’ MUŻA bħalissa hemm dinja sħiħa x’tiskopri, għexieren ta’ simboli x’tiddeċifra qalb l-ilwien vibranti ta’ tlettax-il pittura, u esperjenza li żgur se tqanqlek biex lura d-dar tkompji tfittex dwar dak li rajt. M’għandekx għalfejn tinkwieta – ħdejn kull pittura se ssib tagħrif dwarha, ikkumplimentat minn informazzjoni aktar dettaljata provduta kemm f’audio guide u anke fil-katalgu tal-wirja.

Għal aktar tagħrif dwar il-ħinijiet tal-ftuħ u l-prezzijiet tad-dħul, kif ukoll għal dawra virtwali mal-wirja, idħol fis-sit www.muza.mt .

MUŻA huwa proġett parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020

 

Minn Daniela Attard Bezzina, Uffiċjal għall-Komunikazzjoni, Heritage Malta

0
X