Reġa’ sebaħ fuq Għar Dalam

Mat-tokki tal-għaxra ta’ filgħodu tas-Sibt, 24 t’Ottubru, ħlejqa ċkejkna li tgħix biss f’Għar Dalam – fil-fatt tissejjaħ Armadillidium għardalamensis – reġgħet semgħet il-ħoss familjari tal-ilħna tal-viżitaturi huma u neżlin it-turġien li jwassluhom fl-għar. Ilħna li kienet ilha ma tisma’ minn Marzu li għadda, meta Heritage Malta għalqet is-sit u l-mużew ta’ Għar Dalam biex twettaq proġett ambizzjuż ta’ xogħlijiet estensivi bl-imħuħ u l-idejn tal-ħaddiema tagħha stess.

B’investiment ta’ €250,000 mill-fondi ta’ Heritage Malta, ix-xogħlijiet kienu jinkludu r-rinovar taż-żewġ swali ewlenin tal-mużew ta’ Għar Dalam; oġġetti esebiti għall-ewwel darba; intrata aktar dinjituża u ħanut b’dehra isbaħ; u servizz imtejjeb ta’ interpretazzjoni kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal. Fl-għar innifsu nbidlet is-sistema tad-dawl, filwaqt li fil-bqija tas-sit tneħħiet il-veġetazzjoni aljena kollha u ġiet sostitwita b’waħda indiġena. Is-sit issa jinkludi wkoll ġnien edukattiv bl-isem Ġnien Dinja Waħda, fejn l-għalliema jistgħu jmorru mal-istudenti tagħhom għal lezzjonijiet interattivi f’kuntatt man-natura.

Dan kollu sar bħala parti minn proġett ferm ikbar li ladarba jitwettaq se jara lis-sit ta’ Għar Dalam isir parti minn park li jkun jinkludi erba’ widien – Wied Dalam, Wied Żembaq, Wied Saptan u Wied Qotna – u jwassal sa tarf Ħal Safi.

Iżda x’inhi l-maġija speċjali ta’ dan il-lok uniku? Forsi l-fatt li fir-reżħa sewdiena t’hemm isfel, jekk tagħlaq għajnejk sewwa u tħalli l-baħħ ikellmek, taf tisma’ l-eku tal-għajta mġewħa ta’ ljunfanti u orsijiet ifittxu l-ikel f’Malta tal-ibgħad żminijiet?  Jew forsi għax f’dik is-sikta faċli tistħajjel l-ewwel nies – missirijieti u missirijietek – jaslu f’artna għajjenin imma kollha ħeġġa biex jiskopruha minn tarf sa ieħor? Jew għax hemm isfel għadek tista’ tħoss il-biża’ ta’ nies li fit-Tieni Gwerra Dinjija, f’tentattiv iddisprat biex isibu l-kenn mill-attakki tal-għadu, għamlu lil Għar Dalam darhom?

John J. Borg, Kuratur Anzjan għall-Istorja Naturali fi ħdan Heritage Malta, jispjega li dak li jiddistingwi lil Għar Dalam minn siti preistoriċi oħra huwa l-fatt li joffri sekwenza mhux interrotta ta’ saffi stratigrafiċi li jmorru lura sa Żmien is-Silġ u jibqgħu ġejjin sa żminijietna. L-għar tħaffer bil-gelgul kontinwu tal-ilma ta’ xmara li kienet għaddejja minn fuqu daqs miljun sena ilu. Madankollu, l-eqdem saff ta’ fdalijiet fl-għar huwa ħafna iżjed “riċenti” u jasal sa madwar 180,000 jew 130,000 sena ilu.

F’dan is-saff instabu l-fdalijiet ta’ annimali li għexu f’Malta fi Żmien is-Silġ. Iżda qabelxejn tajjeb li jingħad li dak li għall-Ewropa kien Żmien is-Silġ, għal Malta kien żmien ta’ xita. Xita qliel u bla heda li ġabet magħha dulluvji u għargħar li kaxkru annimali u ħaffru widien. Ħafna mill-widien tagħna, inkluż Wied Dalam, iffurmaw dak iż-żmien. Il-livell tal-baħar tbaxxa bejn 80 u 90 metru, u dan wassal għall-kxif ta’ art li qabel kienet taħt il-baħar bejn Malta u Sqallija. B’hekk ifformaw “pontijiet” bejn iż-żewġ gżejjer. Annimali bħal iljunfanti, ippopotami, ċriev , ilpup u orsijiet ħarbu mill-klima kiesħa tal-Ewropa, niżlu lejn in-nofsinhar u permezz ta’ dawn il-pontijiet waslu wkoll f’Malta, kif jixhdu l-gzuz ta’ għadam li nstabu f’Għar Dalam.

Biex jassiguraw is-sopravivenza tagħhom, dawn l-annimali għaddew minn tibdil progressiv fid-daqs tagħhom, b’tali mod li wħud kibru ħafna u oħrajn ċkienu ħafna. Dan jispjega għala, ngħidu aħna, id-daqs tal-iljunfanti li l-għadam tagħhom instab f’Għar Dalam kien ivarja minn għoli ta’ 90ċm għal 120ċm u għal 250ċm.

Eluf kbar ta’ snin wara l-wasla tal-annimali – jiġifieri  daqs 7,500 sena ilu – waslu f’pajjiżna l-ewwel bnedmin, li qasmu fuq ċattri minn Sqallija. Aktarx li l-ewwel ma għexu kien f’Għar Ilma, Għawdex (kif jixhdu fdalijiet li nstabu hemmhekk u li huma simili għal dawk ta’ Għar Dalam), iżda mbagħad infirxu fi nħawi differenti, fosthom Għar Dalam. Ma hemm l-ebda dubju li dan l-għar – fond madwar 140 metru – dejjem serva bħala post ta’ abitazzjoni, sew għall-annimali kif ukoll għal dawk l-ewwel “Maltin” li s-sengħa tagħhom kienet dik tal-biedja.

Maż-żmien il-bniedem mexa mill-għerien għall-għerejjex u mbagħad għad-djar, iżda Għar Dalam bla mistenni reġa’ sab ruħu jkennen familji sħaħ fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-11 ta’ Ġunju 1940, wara l-ewwel attakki mill-ajru mmirati l-aktar lejn il-kosta tan-nofsinhar tal-gżira, ċorma nies minn Ħal Far u Bengħajsa telqu minn djarhom b’ta’ fuqhom senduqhom u rħewlha lejn Għar Dalam, li sa ftit qabel il-gwerra kien għadu qiegħed jiġi skavat u li fl-1933 kien infetaħ bħala attrazzjoni għall-pubbliku. Sabuh magħluq bi grada, imma ġiegħlu lill-għassies jiftħilhom, niżlu fl-għar u bdew jgħixu fih. Aktar tard ingħaqdu magħhom nies minn inħawi oħra, tant li minn ċensiment li sar xahar wara rriżulta li kienu qed jgħixu fl-għar 108 adulti u 89 tifel u tifla. Madankollu, ma damux wisq b’moħħhom mistrieħ għax b’avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern f’Settembru 1940, ġie ordnat li wara l-1 ta’ Ottubru ħadd ma seta’ jkun f’Għar Dalam mingħajr il-permess tal-awtoritajiet militari.

Nistħajjilkom tistaqsu kif inkixfet il-ġrajja ta’ Għar Dalam. Kien Arturo Issel, naturalista minn Genoa, li xeħet l-ewwel dawl meta għamel l-ewwel skav fl-1865. Dak iż-żmien, fl-Ewropa kollha, kien jinħass għatx kbir għal tagħrif dwar l-ewwel bnedmin fid-dinja u Issel ġie Malta bil-ħsieb li jiskava għadd ta’ għerien biex forsi jtaffi ftit minn dan l-għatx. F’dak l-ewwel skav huwa sab fdalijiet umani kif ukoll ta’ annimali, fosthom għadma ta’ ippopotamu. Warajh komplew oħrajn, fosthom John Henry Cooke, Napuljun Tagliaferro, Giuseppe Despott, Joseph Baldacchino, u George Zammit Maempel li kien assistit minn John J. Borg innifsu. Ilkoll taw kontribut siewi biex illum għandna dan it-tagħrif kollu dwar Għar Dalam.

Borg, madankollu, m’għandu l-ebda dubju li għad hemm ħafna iżjed x’niskopru, megħjuna mill-avvanzi fit-teknoloġija u mir-riċerka li ma tieqaf qatt. Huwa fakkar li għalkemm Għar Dalam f’moħħ ħafna nies huwa marbut biss mal-paleontoloġija u l-arkeoloġija, dan is-sit għandu wkoll importanza ekoloġika kbira. Biżżejjed ngħidu li llum fl-għar jgħixu żewġ speċi ta’ friefet il-lejl, kolonja ta’ għasafar tal-bejt, naħal, brimb u insetti oħra, kif ukoll l-Armadillidium għardalamensis li bih tajna bidu għal din il-kitba.

U jekk forsi tqanqlitlek il-kurżità biex tkun taf x’hemm wara dan l-isem kemxejn ikkumplikat, ngħidlek biss li dan huwa tip ta’ ħanżir l-art li ma jinstab imkien iżjed ħlief f’Għar Dalam. Jgħix fl-iżjed partijiet mudlama tal-għar u minħabba f’hekk m’għandux kulur, ġismu hu trasparenti u m’għandux għajnejn. Meta jħossu mhedded ma jsirx ballun bħal dud ieħor, iżda jiċċattja ruħu u jaqbad ma’ xi mkien ċatt, bħal imħara.

Jekk tixtieq issir taf aktar dwar din il-ħlejqa u l-ħlejjaq l-oħra kollha li għexu jew għadhom jgħixu f’dak l-għar f’Birżebbuġa – inkluż il-bniedem – żur is-sit u l-mużew ta’ Għar Dalam, li bħalissa jkun miftuħ is-Sibt, il-Ħadd u t-Tlieta mill-10.00am sal-4.30pm.

 

 

Minn Daniela Attard Bezzina, Heritage Malta

daniela.a.meli@gov.mt

0
X